Il-kożmetiċi

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Kożmetiċi huwa fis-seħħ sabiex jissalvagwardja s-saħħa tal-konsumatur iżda huwa wkoll il-bażi ta’ innovazzjoni Ewropea u jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-kożmetiċi fil-livell globali.

Il-manifatturi u l-importaturi fl-UE huma responsabbli milli jiżguraw is-sigurtà tal-prodotti tagħhom, sew jekk ikunu kożmetiċi jew xi prodott ieħor tal-konsumatur. Il-prodotti kożmetiċi kollha għandhom jiġu nnotifikati permezz tal-Portal għan-Notifikazzjoni tal-Prodotti Kożmetiċi (CPNP) qabel jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Il-preżenza ta’ nanomaterjal fi prodott kożmetiku għandha tiġi ddikjarata b’mod espliċitu fin-notifika lill-Kummissjoni Ewropea.

Bħala minimu, in-notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

  • Identifikazzjoni tan-nanomaterjal, inkluż l-isem kimiku tiegħu u deskritturi oħra speċifikati fir-regolament.
  • Speċifikazzjoni tan-nanomaterjal, inkluż id-daqs tal-partikula tiegħu u l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tiegħu.
  • Stima tal-kwantità tan-nanomaterjal li jinsab fil-prodott kożmetiku li għandu jitqiegħed fis-suq kull sena.
  • Profil tossikoloġiku tan-nanomaterjal.
  • Id-data ta’ sigurtà tan-nanomaterjal.
  • L-informazzjoni kollha relatata mal-kundizzjonijiet ta’ esponiment previsti b’mod raġjonevoli.

Barra minn hekk, il-prodotti kożmetiċi li jkun fihom nanomaterjali oħrajn minbarra koloranti, preservattivi u filtri tal-UV u li ma jkunux ristretti b’mod ieħor mir-regolament dwar il-prodotti kożmetiċi jiġu soġġetti għal proċedura addizzjonali. Dawn jeħtieġu li ssir notifika speċifika permezz tas-CPNP sitt xhur qabel it-tqegħid fis-suq. Jekk il-Kummissjoni Ewropea jkollha tħassib dwar is-sigurtà ta’ nanomaterjal, din tista’ titlob lill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) biex iwettaq valutazzjoni tar-riskju.

Ċerti gruppi ta’ sustanzi – koloranti, preservattivi u filtri tal-UV, inkluż dawk li huma nanomaterjali – għandhom jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea qabel l-użu tagħhom fil-prodotti kożmetiċi. Opinjoni mis-SCCS, li tirrevedi data tossikoloġika ppreżentata, tippreċedi din l-awtorizzazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli mill-pubblikazzjoni ta’ katalogu tan-nanomaterjali kollha li jintużaw fil-prodotti kożmetiċi fis-suq tal-UE. Il-katalogu huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-manifatturi permezz tas-CPNP.

Jekk prodott ikun fih in-nanomaterjali, dan jeħtieġ li jiġi indikat fil-lista ta’ ingredjenti billi jkollu l-kelma “nano” fil-parentesi direttament wara l-isem ta’ sustanza bħal din.