Ir-riċerka ambjentali

Matul is-snin, it-tħassib dwar ir-riskji ambjentali potenzjali maħluqa mill-manifattura u l-użu tan-nanomaterjali żdied. Ir-riċerka ffinanzjata mill-UE kif tikkontribwixxi biex tindirizza dan it-tħassib?

Il-proprjetajiet uniċi tan-nanomaterjali joħolqu sfidi lix-xjenzjati li jaħdmu biex jivvalutaw ir-riskji ambjentali tagħhom. L-analiżi tal-perikli ambjentali tan-nanomaterjali hija eżerċizzju kumpless li jkopri bosta oqsma differenti ta’ għarfien espert xjentifiku.

Sabiex issir valutazzjoni tar-riskju għall-ambjent robusta u affidabbli, ix-xjenzjati jeħtieġ li jiġbru informazzjoni rilevanti għall-istadji differenti ta’ ċiklu tal-ħajja komplet ta’ nanomaterjal, mill-produzzjoni sar-riċiklaġġ jew sar-rimi tal-materjal.

Dan jinkludi:

  • informazzjoni biex jiġu kkaratterizzati l-proprjetajiet fiżikokimiċi ta’ nanomaterjal;
  • il-fehim ta’ fejn imur in-nanomaterjal fl-ambjent;
  • il-fehim ta’ liema organiżmi jiġu esposti għan-nanomaterjal;
  • it-tbassir tal-esponiment tal-ilma, tal-ħamrija u tas-sediment għan-nanomaterjal;
  • il-fehim ta’ jekk u kif in-nanomaterjali jinbidlu ladarba jkunu fl-ambjent – fi kliem ieħor, kif nanomaterjali speċifiċi jinteraġixxu ma’ sustanzi kimiċi oħra preżenti fl-ambjent, kemm dawk li jseħħu b’mod naturali kif ukoll dawk magħmulin mill-bniedem.

Proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE għandhom l-għan li jtejbu għodod, metodi ta’ ttestjar u tekniki disponibbli sabiex jgħinu fil-monitoraġġ u fil-kejl tan-nanomaterjali fl-ambjent. Din il-ħidma ser tippermetti lix-xjenzjati u lir-regolaturi mhux biss biex jiksbu data aktar affidabbli għall-valutazzjoni tar-riskji ambjentali tan-nanomaterjali, iżda wkoll biex jidentifikaw meta jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri tal-immaniġġjar tar-riskji.

Żewġ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE – Managing Risks of Nanomaterials (L-immaniġġjar tar-Riskji tan-Nanomaterjali) (MARINA) u Sustainable Nanotechnologies (Nanoteknoloġiji Sostenibbli) (SUN) – urew riżultati promettenti fil-valutazzjoni tal-esponiment ambjentali għan-nanomaterjal u l-ġenerazzjoni ta’ xenarji ta’ esponiment ambjentali realistiċi. Il-proġetti pproduċew ukoll rakkomandazzjonijiet importanti dwar kif jitjiebu l-linji gwida tat-test disponibbli għan-nanomaterjali, billi l-awtoritajiet jitħallew ifasslu modi aħjar ta’ ttestjar u biex joħolqu metodi standardizzati ġodda għall-valutazzjoni tar-riskju għall-ambjent tan-nanomaterjali.