Liema huma l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà ewlenin taħt investigazzjoni f’diversi proġetti ta’ riċerka?

Il-valutazzjoni tas-sigurtà u tat-tossiċità tan-nanomaterjali hija kumplessa u multidimensjonali. Sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw is-sigurtà tan-nanomaterjali, ix-xjenzjati qed jindirizzaw numru ta’ kwistjonijiet importanti. Kull kwistjoni tirrappreżenta biċċa importanti tal-problema:

  • Il-karatterizzazzjoni fiżikokimika tan-nanomaterjali: kif jitkejlu b’mod xieraq parametri bħad-daqs, il-forma, is-solubbiltà, u karatteristiċi oħrajn
  • In-nanomaterjali kif jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent?
  • Id-destin tal-ambjent: x’jiġri min-nanomaterjali fl-ambjent? 
  • Esponiment u mmudellar tal-esponiment: in-nies kif inhuma esposti għan-nanomaterjali u kif inhuwa espost l-ambjent? Kif jista’ jitkejjel u jiġi mmudellat dan l-esponiment?
  • Sigur mid-disinn: in-nanomaterjali li huma siguri u li diġà jinstabu fi stadji bikrija ta’ riċerka u ta’ żvilupp tal-prodott kif jistgħu jiġu ddisinjati?

Finalment, aspett wieħed importanti ta’ kwalunkwe riżultat ta’ riċerka huwa l-istandardizzazzjoni tal-metodoloġija biex jiġu eżaminati l-karatteristiċi tan-nanomaterjali. Min-natura tagħhom stess, il-proġetti ta’ riċerka, jużaw u jiżviluppaw metodi u tekniki ġodda sabiex jindirizzaw mistoqsijiet xjentifiċi. Madankollu, ir-regolaturi normalment jaħdmu linji gwida tal-ittestjar tal-OECD armonizzati jew metodi ta’ ttestjar rikonoxxuti u vvalidati fuq livell internazzjonali oħrajn.

Sabiex tingħata fiduċja lil regolaturi madwar id-dinja, tekniki u metodi ġodda żviluppati fil-laboratorji jeħtieġ li jiġu armonizzati u standardizzati. Dan jeħtieġ koordinazzjoni b’saħħitha fost ix-xjenzjati u r-regolaturi differenti madwar id-dinja.