In-nanomaterjali huma sustanzi kimiċi

Il-partikoli f’nanoskala jistgħu jsiru minn bosta sustanzi differenti bħal karbonju, metalli, ossidi tal-metall kif ukoll polimeri. Huwa diffiċli li tiġi pprovduta ċifra eżatta ta’ kemm hemm nanomaterjali fis-suq bħalissa u saħansitra aktar ta’ sfida sabiex tingħata stima ta’ kemm huwa possibbli li jiġu prodotti aktar f’ambjent ta’ laboratorju.

Taħt REACH, l-obbligu legali dwar il-manifatturi u l-importaturi biex jirreġistraw u juru użu sigur, japplika wkoll għal sustanzi b’nanoforom. Min-naħa l-oħra, ftit regolamenti tal-UE biss għandhom rekwiżiti legali espliċiti dwar in-nanomaterjali bħar-regolamenti dwar il-kożmetiċi u l-ikel ġdid. Peress li REACH m’għandux dispożizzjonijiet espliċiti dwar in-nanomaterjali, dan irriżulta fi ftit reġistrazzjonijiet biss li fihom informazzjoni speċifika għan-nano.

Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ma jfixkilx kumpaniji proattivi milli jirrappurtaw b’mod trasparenti dwar in-nanoforom tas-sustanza koperta mir-reġistrazzjonijiet. Ir-rappurtar ta’ informazzjoni speċifika għan-nano sar possibbli sa mill-2010 meta ġiet introdotta kaxxa ta’ mmarkar volontarja f’IUCLID.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar dawk is-sustanzi fejn intużat il-kaxxa ta’ mmarkar volontarja jew fejn hemm indikazzjonijiet oħra ta’ informazzjoni speċifika għan-nano billi ssegwi din il-link għas-sit web ta’ tixrid tal-ECHA. 

Aktar informazzjoni dwar is-sustanzi rreġistrati li fihom nanomaterjali:

Ir-reġistranti taħt REACH jistgħu jagħżlu li jipprovdu informazzjoni dwar in-nanomaterjali lill-ECHA billi jindikaw il-preżenza ta’ forma nanomaterjali fil-kompożizzjoni tas-sustanza, billi jindikaw li l-istat fiżiku tas-sustanza huwa nanomaterjal, jew billi jipprovdu studji speċifiċi fuq nanomaterjal f’rekord ta’ studju tal-punt ta’ tmiem.

REACH huwa regolament globali għas-sustanzi kimiċi. Għalhekk, il-mod ta’ kif REACH jiddefinixxi s-sustanzi kimiċi huwa importanti f’sens ħafna usa’ peress li l-kunċetti tiegħu jiġu riflessi f’leġiżlazzjoni oħra:

'Sustanza: tfisser element kimiku u l-komponenti tiegħu fl-istat naturali jew miksub minn kwalunkwe proċess ta' manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ għall-preservazzjoni tal-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li toriġina mill-proċess użat, iżda jeskludi kwalunkwe solvent li jista' jkun separat mingħajr ma jaffettwa l-istabbiltà tas-sustanza jew li jbiddel il-kompożizzjoni tagħha'

Huwa importanti li jiġi nnotat li bosta nanomaterjali jeżistu b’mod naturali u għalhekk jistgħu ma jaqgħux taħt leġiżlazzjonijiet dwar is-sustanzi kimiċi eżistenti li jindirizzaw sustanzi manifatturati, bħal REACH, sakemm ma jiġux modifikati b’mod kimiku intenzjonalment bi kwalunkwe mod. Nanomaterjali oħra jiġu ffurmati bħala prodotti sekondarji, pereżempju, mill-kombustjoni tal-karburanti fossili bl-użu ta’ eż. magni bid-diżil. Partikoli bħal dawn, madankollu, jaqgħu taħt diversi regolamenti ambjentali bħal dawk li jissalvagwardjaw il-kwalità tal-arja ambjentali.

 

Hemm ħafna aktar nanomaterjali hemm barra?

L-istimi tan-numru attwali ta’ sustanzi nanomaterjali fis-suq tal-UE jvarjaw.

Probabbli hemm aktar sustanzi b’nanoforom fis-suq milli dawk irreġistrati bħalissa taħt REACH. Hemm numru ta’ raġunijiet għal dan, inkluż:

  • Inċertezza regolatorja: għalkemm it-terminu “sustanza” jkopri n-nanomaterjali, kif jagħmel ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH, ir-regolament ma jsemmix b’mod espliċitu n-nanomaterjali u lanqas ma jipprovdi rekwiżiti espliċiti. Xi manifatturi/importaturi jistgħu jinterpretaw dan bħala li m’hemmx obbligu biex tiġi pprovduta informazzjoni speċifika għan-nano fid-dossiers ta’ reġistrazzjoni tagħom. Attwalment il-Kummissjoni Ewropea qed tipprepara biex temenda l-annessi taʼ REACH sabiex tagħmel ir-rekwiżiti għan-nanoforom ta’ sustanzi espliċiti.
  • Sfidi fil-kejl: waqt li t-terminu nanomaterjal huwa sempliċi, il-kejl ta’ jekk forma ta’ sustanza hijiex nanoforma jew le ħafna drabi mhuwiex sempliċi. Biex isir dan, jeħtieġ strumenti preċiżi u xi kultant għaljin. Għalhekk, mingħajr ebda rekwiżit legali espliċitu sabiex isir it-test, il-manifatturi/l-importaturi jistgħu jagħżlu li ma jagħmlux it-test.
  • Volumi baxxi: xi sustanzi b’nanoforom jistgħu jkunu fis-suq f’volumi tant baxxi, li ma jkunux jeħtieġu reġistrazzjoni taħt REACH. L-iskadenza għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi ta’ volum baxx (1-100 tunnellata fis-sena) hija l-31 ta’ Mejju 2018.

Jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għala n-numru ta’ sustanzi rreġistrati b’nanoforom huwa baxx. Huwa wkoll probabbli li hemm numru ta’ sustanzi rreġistrati li huma manifatturati jew li jitqiegħdu fis-suq bħala nanomaterjali, fejn il-kumpaniji jkunu għażlu li ma jipprovdux b’mod espliċitu informazzjoni speċifika għan-nano fid-dossier ta’ reġistrazzjoni.

Madankollu, hekk kif jissolvew il-kwistjonijiet regolatorji, l-informazzjoni speċifika għan-nano disponibbli miġbura permezz tal-implimentazzjoni ta’ REACH mistennija li tiżdied.