Nanomaterjali fil-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx

 

Kif jaħdmu l-kremi kontra x-xemx?

Biex jiġi evitat ħruq mix-xemx, nużaw kremi kontra x-xemx biex nipproteġu l-ġilda tagħna mir-raġġi UV (raġġi UVB u UVA). Il-filtri fil-kremi kontra x-xemx jaħdmu b’żewġ modi differenti. Xi wħud minnhom huma bbażati fuq il-minerali u jużaw nanoforom ta’ sustanzi kimiċi, bħad-diossidu tat-titanju (TiO2) u l-ossidu taż-żingu (ZnO), biex jirriflettu r-raġġi UV lil hinn mill-ġilda. Il-filtri minerali huma effettivi immedjatament ladarba jiġu applikati. Il-filtri kimiċi tal-kremi kontra-xemx fihom sustanzi bħall-oxybenzonum. Jeħtieġ li jiġu applikati qabel l-esponiment għax-xemx peress li dawn jipproteġu mill-ħruq mix-xemx billi jassorbu r-raġġi UV.

Il-konċentrazzjoni ta’ filtri tal-UV użati fi kremi kontra x-xemx tiddependi fuq il-fattur mixtieq ta’ protezzjoni mix-xemx (SPF). Il-livelli ta’ konċentrazzjoni huma kkontrollati u, ma għandhomx jaqbżu l-25 % tal-kompożizzjoni finali tal-prodott għall-filtri minerali jew l-10 % għall-filtri kimiċi.

 

Għaliex jintużaw in-nanomaterjali fi kremi kontra x-xemx?

Il-filtri minerali tal-UV fihom nanopartiċelli u jagħtu protezzjoni itwal peress li huma aktar stabbli meta mqabbla ma’ filtri kimiċi. ZnO jitqies li jagħti l-aktar protezzjoni effettiva. Il-kremi kontra x-xemx li fihom nanopartiċelli ZnO u TiO2 jippermettu finitura mhux bajda, simili għall-kremi kontra x-xemx ibbażati fuq is-sustanzi kimiċi.

 

Huwa sikur li jintużaw kremi kontra x-xemx li fihom in-nanopartiċelli?

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) qajjem tħassib dwar is-sikurezza tal-prodotti kontra x-xemx li jiġu sprejjati li fihom TiO2 peress li huwa suspettat li jikkawża l-kanċer jekk jittieħed man-nifs.

Biex in-nies jiġu protetti, kwalunkwe prodott li jkun fih TiO2 ogħla minn ċertu limitu jrid ikun fih twissija fuq it-tikketta tiegħu li tiddikjara: “Twissija! Jista’ jifforma qtar perikoluż li jittieħed man-nifs meta tisprejja minnu. Tiġbidx l-isprej jew ir-raxx man-nifs.”

 

Il-kremi kontra x-xemx u l-ambjent

Għalkemm id-data dwar l-impatt ambjentali hija limitata, il-filtri kimiċi, bħall-oxybenzonum, ġew assoċjati mal-ibbliċjar tal-qroll u ġew irrapportati bħala interferenti endokrinali. Minħabba dawn is-sejbiet, pereżempju f’Hawaii, l-użu tiegħu ġie ristrett bħala approċċ ta’ prekawzjoni.

Hemm biss ftit studji disponibbli dwar il-filtri minerali. Huwa diffiċli li jiġu riprodotti kundizzjonijiet affidabbli bil-varjabbli ambjentali kollha, bil-komponenti tal-kremi kontra x-xemx kollha u bl-interazzjonijiet tagħhom f’ambjent tal-laboratorju.

Il-varjazzjonijiet tad-daqs, tal-forma jew tal-kisja tal-superfiċe tal-partikoli jistgħu jħallu impatt ukoll fuq il-potenzjal ta’ periklu tal-prodotti. Għalkemm iż-żingu huwa nutrijent essenzjali, jista’ jkun tossiku f’dożi għoljin, b’mod partikolari għall-organiżmi akkwatiċi.

Kemm l-ossidu taż-żingu kif ukoll il-klorur taż-żingu għandhom klassifikazzjoni armonizzata li tfisser li huma tossiċi għall-ħajja akkwatika f’konċentrazzjonijiet anqas minn 10 milligramma għal kull litru. Għad-diossidu tat-titanju, bħalissa ma hemm l-ebda klassifikazzjoni armonizzata relatata mal-effetti ambjentali tiegħu.