Linji gwida għall-ittestjar tan-nanomaterjali, standards u valutazzjonijiet regolatorji
Il-produzzjoni, l-ittestjar u r-regolamentazzjoni tan-nanomaterjali jeħtieġu linji gwida għall-ittestjar maqbula f’livell nazzjonali u internazzjonali kif ukoll standards tekniċi li għandhom jintużaw.
Dawn il-linji gwida u l-istandards jiddeskrivu r-rekwiżiti għat-twettiq ta’ kompiti tekniċi, inkluż kif jitwettqu studji dwar is-sikurezza jew kif jitkejlu l-proprjetajiet tas-sustanzi b’mod uniformi u ripetibbli.
Ħafna korpi differenti, bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) kienu involuti fil-produzzjoni ta’ dawn l-istandards. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni kemm fl-UE kif ukoll barra minnha kkontribwew ukoll għall-ħidma.
Għalkemm hemm ħafna linji gwida għall-ittestjar u standards disponibbli għall-kompiti tekniċi, f’xi każijiet, jeħtieġ li jiġu adattati speċifikament għan-nanomaterjali. Peress li wieħed mill-kompiti ewlenin tal-EUON huwa li jipprovdi informazzjoni lil dawk li jittrattaw in-nanomaterjali, din il-paġna web fiha lista ta’ standards li ġew adattati speċifikament għan-nanomaterjali.
Din il-paġna telenka wkoll kwalunkwe valutazzjoni regolatorja Ewropea u opinjoni xjentifika minn aġenziji jew kumitati xjentifiċi tal-UE relatati mas-sustanzi disponibbli bħala nanoforom. Il-listi ta’ hawn taħt se jiġu aġġornati regolarment hekk kif jiġu ppubblikati punti ġodda. Innota li filwaqt li xi wħud mill-istandards huma disponibbli għall-pubbliku, oħrajn jeħtieġ li jinxtraw.
EU Privacy Disclaimer
Dan is-sit web juża l-cookies biex jiżgura li jkollok l-aqwa esperjenza fuq is-siti web tagħna.