OECD

Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD) logo

L-OECD għandha programm fit-tul għall-immaniġġar ta’ sustanzi kimiċi u kellha rwol fundamentali x’taqdi fl-armonizzazzjoni ta’ metodi regolatorji għall-ittestjar u l-valutazzjoni ta’ perikli ta’ sustanzi kimiċi. Il-mezzi ewlenin għal dan kienu linji gwida tal-ittestjar li ntlaħaq ftehim dwarhom fuq livell internazzjonali u l-prinċipji ta’ Prattika Tajba tal-Laboratorju (GLP).

Flimkien, dawn ħolqu kondizzjonijiiet fejn test li jsir skont il-linji gwida tal-ittestjar tal-OECD jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet f’pajjiżi li jaderixxu għall-aċċettazzjoni reċiproka tad-data (MAD, mutual acceptance of data). MAD huwa strument vinkolanti li jiffaċilita l-aċċettazzjoni internazzjonali ta’ informazzjoni għall-valutazzjoni dwar is-sigurtà regolatorja ta’ sustanzi kimiċi. Dan naqqas ferm l-ispejjeż tal-ittestjar u llimita n-numru ta’ annimali meħtieġa għal skopijiet ta’ ttestjar.

Illum, ħafna mil-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi f’pajjiżi industrijalizzati madwar id-dinja hija msaħħa mir-riżultati tal-Programm dwar is-Sustanzi Kimiċi tal-OECD. Dan huwa minnu wkoll għall-istima tal-periklu tan-nanomaterjali. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsilll tal-OECD mill-2013 dwar l-Ittestjar tas-Sigurtà u l-Valutazzjoni ta’ Nanomaterjali Manifatturati tiddikjara li l-oqfsa regolatorji tas-sustanzi kimiċi internazzjonali u nazzjonali eżistenti huma xierqa għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati man-nanomaterjali manifatturati. Madankollu, huwa nnutat ukoll li dawn l-oqfsa u sistemi ta’ ġestjoni oħrajn xorta jista’ jkollhom bżonn li jiġu adattati sabiex jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tan-nanomaterjali manifatturati.

Fl-2006, l-OECD stabbilixxiet il-Grupp ta' Ħidma dwar in-Nanomaterjali Manifatturati (WPMN, Working Party on Manufactured Nanomaterials) sabiex tippermetti diskussjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-istima tal-periklu tan-nanomaterjali. Ir-riżultat ewlieni s’issa kien valutazzjoni ta’ kif il-linji gwida tal-ittestjar tal-OECD eżistenti jistgħu jiġu applikati għal 11-il nanomaterjal li jintużaw b’mod komuni. Sar sforz kbir fil-proġett u matul il-kors tiegħu ġew iġġenerati ’l fuq minn 700 studju. Ir-riżultati ġew ippubblikati mill-OECD matul l-2015.