Prodotti u oġġetti magħmula minn jew b’nanomaterjali

 

 

In-nanomaterjali jintużaw għax dawn jistgħu jtejbu funzjoni jew karatteristika ta’ prodotti, materjali jew oġġetti. Hawn taħt tista’ ssib xi deskrizzjonijiet ġenerali tal-valur miżjud potenzjalment ta’ nanomaterjal speċifiku f’ċerti prodotti jew oġġetti.
 

Kisi u żebgħa

In-nanomaterjali jintużaw fiż-żebgħa u fil-kisi, pereżempju, biex itejbu d-durabbiltà u biex jipprovdu funzjonalitajiet ġodda, jiġifieri reżistenti għall-ilma/għat-trab, “faċli biex jitnaddaf”, reżistenza antimikrobika jew reżistenza għall-grif.

Attwalment, in-nanomaterjali l-aktar rilevanti għall-industrija taż-żebgħa u tal-kisi huma titanju tad-diossidu u diossidu tas-siliċju nanoskala. It-titanju tad-diossidu nano jintuża prinċipalment fil-kisi sabiex tiġi sfruttata l-attività fotokatalittika tiegħu li tirriżulta f’superfiċji li jitnaddfu waħidhom. Iż-żieda ta’ silika amorfa sintetika tista’ ttejjeb ir-reżistenza taż-żebgħa għall-ebusija, għall-brix, għall-grif u għat-temp . Barra minn hekk, il-fidda nano, l-ossidu taż-żingu, l-ossidu tal-aluminju, id-diossidu taċ-ċerju, l-ossidu tar-ram u l-ossidu tal-manjeżju attwalment jinsabu taħt investigazzjoni għal użu futur possibbli fiż-żebgħa.

Farmaċewtiċi

Fil-qasam farmaċewtiku, in-nanomaterjali jintużaw l-aktar bħala eċċipjenti, jiġifieri sustanzi li jservu ta’ veikolu jew mezz għal mediċina waqt li huma stess jibqgħu inattivi. Diversi pilloli, suppożitorji u kremi fihom nanomaterjali bħal silika amorfa sintetika li tintuża biex tikkontrolla l-viskożità u l-uniformità tas-sustanzi attivi. Barra minn hekk, il-partikoli tal-fidda nano ilhom jintużaw għal bosta snin bħala aġenti antibatteriċi għall-faxxi ta’ ġrieħi.

Kożmetiċi, prodotti għall-kura personali

In-nanoteknoloġija wkoll għandha rwol importanti fl-industrija tal-kożmetiċi. In-nanomaterjali jistgħu jinstabu f'bosta prodotti kożmetiċi inkluż moisturizers, prodotti għall-kura tax-xagħar, make up u prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx. Il-vantaġġi primarji li jintużaw in-nanopartikoli fi prodotti għall-kura personali jinkludu titjib fl-istabbiltà tal-ingredjenti kożmetiċi (eż. vitamini, aċidi grassi mhux saturati, u antiossidanti) billi dawn jiġu inkapsulati fin-nanopartikoli; protezzjoni effiċjenti tal-ġilda minn raġġi ultravjola (UV, ultraviolet) li jagħmlu l-ħsara; prodotti li jogħġbu bʼmod estetiku (eż. fi prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx ta’ minerali, bl-użu ta’ partikoli iżgħar ta’ mineral attiv li jippermettilhom jiġu applikati mingħajr ma jħallu kisja bajda li tidher); l-immirar ta’ sustanza attiva lejn iċ-ċelloli mixtieqa jew l-organu mixtieq, u joffru rilaxx ikkontrollat ta’ sustanzi attivi għal effett fit-tul, know how esplorat ukoll fl-iżvilupp tal-farmaċewtiċi.

Plastik

L-industrija tal-plastik hija qasam li fiha n-nanoteknoloġiji jintużaw ħafna. L-iżvilupp tan-nanokomposti, jiġifieri polimeri infurzati mill-ġdid bl-użu tan-nanomaterjali, huwa wieħed mill-aktar applikazzjonijiet rilevanti fil-qasam ta’ materjali (ġodda). It-termoplastik infurzat mill-ġdid permezz tan-nanoteknoloġija jista’ jirreżisti s-sħana, huwa reżistenti għall-fjammi, jipprovdi stabbiltà u jista’ jittrażmetti l-elettriku. Pereżempju, in-nitrur tat-titanju huwa materjal iebes ħafna li jintuża fil-plastik bħal fi fliexken tal-polietilentereftalat (PET, polyethylene terephthalate) sabiex ittejjeb il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom u l-effiċjenza tal-proċessi ta’ manifattura tal-PET.

Drappijiet, tessuti u lbies

Ħafna mit-tessuti li l-aktar jintużaw illum il-ġurnata fihom in-nanomaterjali. Xi tessuti tat-trabi jistgħu jkunu miksija b’fidda nano sabiex tipprovdi protezzjoni antibatterika. Id-diossidu tat-titanju nano jipprovdi protezzjoni mill-UV fil-malji. Bosta ġkieket tal-muntanji li ma jgħaddix ilma minnhom u dvalji reżistenti għat-tbajja’ huma miksija b’silika amorfa sintetika nano. Sabiex titjieb ir-reżistenza għall-brix, it-tessuti jistgħu jinksew b’ossidu tal-aluminju nano, nanotubi tal-karbonju jew silika amorfa sintetika nano.

Tagħmir tal-isport

Fil-prodotti tal-isport, in-nanotubi tal-karbonju huma n-nanomaterjal li l-aktar jintuża. Dawn jintużaw ħafna biex jipproduċu tagħmir eħfef iżda fl-istess ħin aktar riġidu, bħal rakketti tat-tennis, stikek tal-golf u oqfsa tar-roti.

Ikel

In-nanoteknoloġija għandha wkoll applikazzjonijiet fis-settur tal-ikel. L-iżviluppi ewlenin s’issa jimmiraw li jibdlu s-sawra tal-komponenti tal-ikel, jinkapsulaw komponenti jew addittivi tal-ikel, jiżviluppaw togħmiet ġodda, jikkontrollaw ir-rilaxx tal-aromi, jiżviluppaw nanosensuri għat-traċċabbiltà u għall-monitoraġġ tal-kondizzjoni tal-ikel waqt it-trasport u l-ħżin u/jew iżidu l-bijodisponibbiltà tal-komponenti nutrittivi.

Categories Display