Nanomaterjali

Ġeneralment in-nanomaterjali jitqiesu bħala partikoli b’daqs ta’ madwar 1 sa 100 nanometru (nm, nanometres). Madankollu, f’kuntest regolatorju, id-daqs mhuwiex l-unika ħaġa importanti, iżda hemm ukoll aspetti oħra li jeħtieġ jiġu ddeterminati qabel ċertu materjal ikun jista’ jiġi kkunsidrat “nanomaterjal”.

Illustration of nanomaterial size

F’kuntest legali, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet rakkomandazzjoni dwar kif jiġi definit nanomaterjal abbażi biss tad-daqs tal-partikoli kostitwenti ta’ materjal, mingħajr ma ġie kkunsidrat il-periklu jew ir-riskju. Din id-definizzjoni tkopri materjali naturali, inċidentali jew manifatturati u hija l-bażi għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet regolatorji għal dan il-grupp ta’ materjali. Madankollu, f’xi oqsma leġiżlattivi, l-ixprunatur għal obbligi legali għan-nanomaterjali huwa li dawn jista' jkollhom karatteristiċi differenti meta mqabbel ma’ partikoli akbar.

In-nanomaterjali jiġu prodotti wkoll fin-natura, pereżempju fit-trabijiet jew fi rmied ta’ vulkani. Dawn jistgħu jirriżultaw ukoll b’mod mhux intenzjonat minn attività tal-bniedem (eż. egżost tal-karozzi, xemgħat mixgħula). U għal bosta snin, xi nanomaterjali ġew prodotti mill-industrija. Bl-għajnuna tax-xjenza issa nistgħu wkoll nipproduċu b’mod artifiċjali partikoli jew materjali bħal dawn, bl-użu tal-inġinerija fil-livell atomiku (proċessi 'minn isfel għal fuq').

Espansjoni rapida

Minħabba d-daqs tagħhom, in-nanomaterjali jista’ jkollhom karatteristiċi kimiċi, fiżiċi, elettriċi u mekkaniċi uniċi li aktar jispikkaw meta mqabbel mal-istess materjal mingħajr nanoforom (ħafna drabi jissejħu sustanzi bl-ingrossa). Dawn il-karatteristiċi jistgħu jagħmluhom partikolarment xierqa għal bosta applikazzjonijiet. L-istess nanomaterjal jista’ wkoll ikollu bosta nanoforom abbażi tad-differenzi fid-daqs, il-forma tal-partikoli kostitwenti, modifikazzjonijiet fis-superfiċje jew trattamenti tas-superfiċje.

In-nanoteknoloġija qed tespandi b’mod rapidu u numru kbir ta’ prodotti ta’ kuljum fis-suq Ewropew fihom in-nanomaterjali. Ħares pereżempju lejn l-iżvilupp ta’ batteriji aħjar u aktar effiċjenti, kisi tas-superfiċje, ħwejjeġ, kożmetiċi u prodotti tal-ikel antibatteriċi.

In-nanomaterjali joffru wkoll opportunitajiet tekniċi u kummerċjali kbar. In-nanoteknoloġija ġiet identifikata mill-Kummissjoni Ewropea bħala teknoloġija implimentattiva ewlenija. Huwa previst li għarfien espert u know-how f’dan il-qasam se jkollhom rwol kruċjali fit-tkabbir ekonomiku futur fl-UE.

Madankollu, iż-żieda rapida fl-użu tan-nanomaterjali flimkien mal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom iqajmu dubji dwar l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-saħħa u l-ambjent. B’mod ċar, hemm bżonn li kwalunkwe riskju potenzjali li jista’ jkollhom dawn il-materjali ġodda jiġi vvalutat u ġestit b’mod xieraq u b’mod partikolari l-impatt tal-modifikazzjoni tas-superfiċje ta’ dawn il-partikoli.

Categories Display