In-nanomaterjali fl-ambjent
Nanoforom differenti ta’ sustanza kimika jistgħu jġibu ruħhom b’mod differenti fl-ambjent, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi għan-nano mħaddmin fil-materjal. Fil-qasam tad-destin ambjentali u l-imġiba tan-nanomaterjali, ix-xjenza qed tevolvi b’pass mgħaġġel.
Pass ʼil quddiem huwa li jintużaw il-karatteristiċi fiżikokimiċi tan-nanomaterjali bħala punt tal-bidu, eż. is-solubbiltà tal-ilma. Dawn il-karatteristiċi ewlenin jistgħu jintużaw sabiex tittieħed deċiżjoni dwar kejl ulterjuri jew jekk id-destin ambjentali tan-nanoforma huwiex se jkun ftit jew wisq l-istess bħal dak li diġà huwa stabbilit għall-forma mhux nano tas-sustanza kimika.
Pereżempju, meta sustanza li tkun diġà solubbli tiġi rilaxxata fl-ambjent, irrispettivament mill-forma nano jew mhux nano, huma l-karatteristiċi ambjentali fis-soluzzjoni li għandhom jiġu vvalutati. Jekk imbagħad in-nanomaterjal jispiċċa jkun diġà solubbli għal sustanzi inorganiċi, l-informazzjoni eżistenti dwar il-lott tiegħu tista’ tintuża sabiex tiġi vvalutata wkoll in-nanoforma.
Id-destin ambjentali tas-sustanzi kimiċi jkopri proċessi differenti, dawk ewlenin huma d-degradazzjoni (kimika, fiżika jew bijoloġika) u/jew it-trasformazzjoni fl-ambjent. Madankollu, il-metodi standard li jintużaw sabiex tiġi vvalutata d-degradazzjoni tas-sustanzi kimiċi, b’mod ġenerali, mhumiex adegwati għan-nanomaterjali. Kumplikazzjoni oħra għan-nanomaterjali hija li t-trattament jew il-kisja tal-wiċċ j/tista’ j/taffettwa d-destin ambjentali u l-imġiba tan-nanomaterjal.
Barra mill-proċessi tat-trasformazzjoni tad-degradazzjoni, jeħtieġ li tiġi vvalutata l-bijoakkumulazzjoni possibbli tan-nanopartikoli fl-organiżmi. Ħidma riċenti mill-OECD indikat il-limitazzjonijiet tal-approċċi attwali għall-ittestjar.
Il-metodi sabiex jitkejjel u jiġi vvalutat id-destin tan-nanopartikoli fl-ambjent jinsabu taħt żvilupp ulterjuri. Huwa mistenni li fis-snin li ġejjin se jsiru disponibbli tekniki mtejba.
Further reading
- RIVM report 2009, “Nanomaterials in the aquatic environment: toxicity, exposure and risk assessment”
- EU Commission report 2011, “Environmental Exposure to Nanomaterials - Data Scoping Study”
- German Environmental Protection Agency (UBA) report 2017, “Considerations about the relationship of nanomaterial’s physical-chemical properties and aquatic toxicity for the purpose of grouping”
EU Privacy Disclaimer
Dan is-sit web juża l-cookies biex jiżgura li jkollok l-aqwa esperjenza fuq is-siti web tagħna.