Teħid bin-nifs

Aħna esposti għal ħafna komposti, inklużi n-nanomaterjali, permezz tal-arja li nieħdu man-nifs. Bħala medja, nieħdu aktar minn 300 miljun litru ta’ arja f’ħajjitna – il-volum ta’ 120 pool tal-għawm Olimpiku.

Aħna nieħdu in-nanopartiċelli man-nifs f’ħafna sitwazzjonijiet differenti, pereżempju, meta nużaw il-kożmetiċi jew il-prodotti tal-isprej fid-djar tagħna, jew minn dħaħen tal-egżost minn vetturi u sorsi oħra.

Xi nanopartiċelli fl-ajru ma jagħmlux ħsara u ma humiex ta’ dannu għall-pulmun tiegħek. Madankollu, oħrajn jistgħu jikkawżaw problemi tas-saħħa, reazzjonijiet allerġiċi jew saħansitra tumuri. Eżempju wieħed huwa d-diossidu tat-titanju li jinstab fil-kremi kontra x-xemx u li huwa suspettat li jikkawża l-kanċer jekk jittieħed ’il ġewwa man-nifs. Din hija r-raġuni għaliex kwalunkwe prodott li fih din is-sustanza aktar minn ċertu limitu għandu jiġi ttikkettat biex in-nies ikunu avżati u biex ma jitħallewx jieħdu nifsijiet minnu.

Forom differenti tal-istess nanomaterjal jista’ jkollhom ukoll effetti differenti. Pereżempju, it-teħid man-nifs ta’ xi forom ta’ nanotubi tal-karbonju jista’ jikkawża l-fibrożi u l-kanċer fil-pulmun, filwaqt li forom oħra ma jagħmlux dan.

Biex jifhmu jekk nanomaterjal jistax jikkawża effetti akuti jew kroniċi, ix-xjenzati jwettqu studji kemm fuq perjodu qasir kif ukoll twil. Ir-riżultati jistgħu jgħinu biex jiġu ġestiti r-riskji possibbli tan-nanomaterjali. Pereżempju, jistgħu juru fejn jaf ikun meħtieġ tagħmir protettiv biex jiġi evitat it-teħid man-nifs ta’ nanomaterjal ta’ ħsara.