Mediċina

Pilloli tal-mediċinaIn-nanomediċina hija l-applikazzjoni tan-nanoteknoloġija għall-kura u għad-dijanjożi tal-mard. Għal xiex jistgħu jintużaw, liema huma l-benefiċċji tagħhom u fejn qed joħduna l-iżviluppi fin-nanomediċina?

Il-mediċini jiġu żviluppati u kkumerċjalizzati sabiex jipprevjenu jew jikkuraw is-sintomi ta’ marda jew kundizzjoni medika. Dawn fihom sustanza attiva li tikkura l-marda jew li ttejjeb is-sintomi tagħha, kif ukoll ingredjenti inattivi, magħrufa bħala eċċipjenti, li jgħinu biex jipprovdu s-sawra, l-istabbiltà jew il-veikolu mixtieq għall-medikazzjoni. Ejja nieħdu pillola ta’ ibuprofen, mediċina komuni li ttaffi l-uġigħ, bħala eżempju: ibuprofen huwa s-sustanza attiva li tinibixxi enzima involuta fis-sinteżi ta’ molekuli li jikkawżaw uġigħ tal-infjammazzjoni u deni, filwaqt li l-ingredjenti inattivi bħal lamtu, lattożju jew silika jistgħu jintużaw biex jagħmlu l-pillola.
 

X’inhi d-differenza bejn in-nanomediċini u l-mediċini tradizzjonali?

In-nanomediċini huma sistemi molekulari magħmula minn diversi komponenti differenti – is-sustanza attiva u eċċipjent wieħed jew aktar jew materjali oħra – maħduma f’nanoskala sabiex jiġu ottimizzati funzjonijiet differenti. S’issa, in-nanoteknoloġija ġiet applikata l-aktar biex ittejjeb il-proprjetajiet fiżikokimiċi tas-sustanza attiva. Pereżempju, din tista’ tintuża biex titjieb is-solubilità tas-sustanza, iżda wkoll biex tippermetti lis-sustanza tgħaddi mis-sistema immuni sabiex tkun tista’ tibqa’ fid-demm għal żmien biżżejjed biex trendi l-funzjoni tagħha. Numru kbir ta’ kandidati tal-mediċina sintesizzati kull sena minn kumpaniji farmaċewtiċi juru solubilità fl-ilma batuta. Mediċina li ma ddubx malajr fl-ilma ser tieħu żmien twil biex tinħall fl-istonku tiegħek, b’hekk jitnaqqsu l-effetti farmakoloġiċi tagħha meta tingħata mill-ħalq. In-nanoteknoloġija tista’ toffri soluzzjoni wkoll għan dan it-tip ta’ problemi.

In-nanoteknoloġija tista’ tgħin biex tingħata l-mediċina speċjalment lil dawk iċ-ċelloli jew organi fejn hija l-aktar meħtieġa. In-nanomaterjali jistgħu jintużaw bħala ġarriera għal sustanzi attivi li inkella ma setgħux jintużaw minħabba t-tossiċità għolja tagħhom, pereżempju, xi mediċini kontra l-kanċer, billi jimmiraw l-għoti tagħhom lil partijiet speċifiċi biss. Ir-riżultat huwa l-opportunità li jiġu żviluppati mediċini li huma inqas tossiċi u aktar qawwija.

In-nanomediċini jgħaddu mill-istess valutazzjoni dwar is-sigurtà ddettaljata u proċedura ta’ awtorizzazzjoni bħal kull prodott farmaċewtiku ieħor fl-UE. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tagħti pariri dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u gwida dwar l-iżvilupp ta’ mediċini fil-qasam tan-nanoteknoloġija.