Kif jintużaw in-nanomediċini?

In-nanomediċini jistgħu jintużaw f'varjetà ta’ modi li jippermettulna nimminimizzaw l-effetti sekondarji, jagħmlu l-mediċina tassorbi aktar malajr u biex jiġu mmirati ċelloli jew organi speċifiċi filwaqt li jinkisbu r-riżultati mistennija.

Sustanza attiva tista’ tiġi inkorporata fi strutturi bħal-lipożomi. Il-lipożomi huma veikoli żgħar ħafna, ta’ daqs nano b’ħitan magħmula mil-lipidi, l-istess materjal li jagħmel il-membrana taċ-ċellola. Dawn jistgħu jimtlew bis-sustanza attiva u jintużaw biex iwassluha għaċ-ċelloli jew għall-organi speċifiċi għall-kura tal-kanċer jew mard ieħor.

Il-lipidi fil-lipożoma mhumiex farmakoloġikament attivi, iżda n-nanostruttura tal-lipożoma ser tinfluwenza l-mod li bih tingħata s-sustanza attiva f’ġisimna. Il-lipożoma nfisha jista’ wkoll ikollha molekula speċjali mwaħħla magħha, bħal antikorp li jingħaraf minn riċettur speċifiku li hemm espressjoni żejda tiegħu fiċ-ċelloli tal-kanċer. Dan jikkawża l-mediċina biex takkumula b’mod selettiv fit-tessuti bil-kanċer, b’hekk jippermettielna niksbu r-riżultat mistenni permezz ta’ dożi iżgħar li jistgħu wkoll jirriżultaw f’effetti sekondarji mnaqqsa bħal nawsja jew rimettar.

 

Għoti mmirat tal-mediċini permezz tal-lipożomi

 

Liposome structure


 

Effetti sekondarji mnaqqsa

Ċerti sustanzi attivi magħrufa nħolqu bħala nanopartikuli biex iżidu s-solubilità tagħhom, b’hekk tiġi evitata l-ħtieġa għal solventi tossiċi meta tingħata l-mediċina u b’hekk jitnaqqsu l-effetti sekondarji. Pereżempju, nanomediċina kontra l-kanċer li diġà qed tintuża fiha sustanza li timblokka stadju speċifiku tad-diviżjoni ċellulari u tikkawża l-mewt taċ-ċelloli. Is-sustanza attiva hija insolubbli fl-ilma iżda tkun imwaħħla ma’ proteina, din tifforma nanopartikuli żgħar ħafna li huma solubbli, li jagħmluha possibbli li tingħata ġol-vini mingħajr l-użu ta’ solventi u tirriżulta f’inqas effetti sekondarji severi.
 

Assorbiment aktar mgħaġġel b’nanokristalli farmaċewtiċi

In-nanokristalli farmaċewtiċi huma nanopartikuli f’forma kristallina. It-teknoloġija tan-nanokristalli tista’ tintuża biex iżżid is-solubilità u r-rata tal-ħall ta’ sustanza attiva, b’hekk tippermetti assorbiment u azzjoni mgħaġġla tas-sustanza. Xi mediċini li ma jdubux faċilment fl-ilma jistgħu jinbidlu f’partikuli ta’ daqs nano. Il-mediċina mbagħad tista’ tiġi inkorporata f’pilloli, kapsuli u forom sterili għall-injezzjoni.