It-trattament tal-ilma

In-nanoteknoloġija tista’ tintuża fit-trattament u fil-purifikazzjoni tal-ilma, bħal fil-ġenerazzjoni ta’ ilma ħelu mill-ilma baħar, il-prevenzjoni ta’ kontaminazzjoni ambjentali u l-ħolqien ta’ tekniki ta’ rimedju sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma u tal-ħamrija.

Għalkemm l-applikazzjonijiet ta’ nanomaterjali maħduma fit-trattament tal-ilma attwalment huma limitati l-aktar minħabba l-użu tagħhom bħala adsorbenti, filtri, diżinfettanti u aġenti reattivi, dawn qegħdin juru potenzjal li qed jiżdied għal trattament tal-ilma u rimedju ambjentali ta’ skala sħiħa.

Eżempju wieħed tal-potenzjal tan-nanomaterjali f’dan il-qasam huwa l-iżvilupp ta’ ħadid żerovalenti ta’ nanoskala. Dan il-materjal jista’ jintuża għat-trattament ta’ ilma ta’ taħt l-art u ta’ skart perikoluż. L-użu ta’ nanomaterjali maħduma għal tindif ambjentali beda meta r-riċerkaturi skoprew li ammont żgħir ta’ partikuli ta’ ħadid ta’ daqs nano jista’ jneħħi kontaminanti fl-ilma ta’ taħt l-art bħal poliklorobifenili (PCBs), li huma magħrufa li huma tossiċi kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-ambjent u li aktarx jikkawżaw il-kanċer. In-nanopartikuli tal-ħadid bħal ħadid żerovalenti ta’ nanoskala nstabu wkoll li huma effettivi fit-trattament ta’ varjetà ta’ inkwinanti tal-ilma, bħal pestiċidi, ritardanti tal-fjammi, antibijotiċi, kromu, arseniku u metalli tqal.

Nanomaterjal bħal ħadid żerovalenti ta’ nanoskala għandu bosta prorjetajiet li jagħmluh adsorbent ideali għal metalli tqali f’ilma kkontaminat, inkluż:

  • erja tas-superfiċje relattiva kbira u daqs żgħir;
  • reattività għolja;
  • il-ħila li jiżola metalli tqal;
  • il-ħila li jaħdem malajr;
  • kapaċità ta’ rbit tal-metall tajba; u
  • karatteristiċi strutturali li jippermettu r-riġenerazzjoni u l-użu mill-ġdid tan-nanomaterjal.
     

Eżempju: It-tneħħija tal-arseniku mill-ilma

L-arseniku huwa semimetall tossiku li ġie assoċjat ma’ numru ta’ kanċers kif ukoll problemi oħra tas-saħħa. Il-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mill-arseniku sseħħ b’mod naturali u ġiet irrappurtata f’bosta pajjiżi, inkluż l-Arġentina, il-Bangladesh, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll f’xi pajjiżi tal-UE u fl-Istati Uniti. L-arseniku jista’ jidħol fl-ilma ta’ taħt l-art b’bosta modi differenti, bħal minn depożiti naturali, estrazzjoni, agrikoltura jew attivitajiet industrijali.

It-tneħħija tal-arseniku u kontaminanti simili oħra mill-ilma kien ta’ tħassib partikolari għall-komunità xjentifika. L-użu tan-nanoadsorbienti għat-tneħħija tal-arseniku minn ilma ta’ taħt l-art ikkontaminat wera riżultati promettenti ħafna fi snin riċenti.