Il-futur tan-nanomediċini

In-nanomediċini dejjem qed jiġu studjati aktar mix-xjenzjati għal applikazzjonijiet mediċinali differenti. Dawn jinkludu għoti u mmirar tal-mediċina aktar effiċjenti kif ukoll nanomediċina personalizzata fejn mediċina tingħata lil pazjent abbażi tal-profil ġenetiku tiegħu.
 

Nanomaterjali emerġenti

Nanomaterjali emerġenti bħal miċelli ta’ kopolimeru, polimeri, nanotubi tal-karbonju, quantum dots u dendrimeri jitfasslu biex jgħinu fl-għoti jew fl-immirar ta’ mediċini b’mod aktar effiċjenti.

Nanotubi tal-karbonju huma atomi tal-karbonju marbutin b’mod esagonali li flimkien jieħdu l-forma ta’ tubu vojt. Dawn qegħdin jiġu esplorati għal applikazzjonijiet fit-terapija, partikolarment fil-kura tal-kanċer, iżda wkoll għall-iżvilupp ta’ aġenti dijanjostiċi kif ukoll nanosensuri. In-nanotubi tal-karbonju jistgħu jintużaw biex jinkiseb għoti tal-mediċina mmirat.

Quantum dots huma nanokristalli semikondutturi li huma magħmulin minn qalba inorganika mdawwra b'qoxra metallika. Dan jistgħu jintużaw bħala ġarriera tal-mediċina jew bħala tikketti fluworexxenti għal ġarriera oħra tal-mediċina bħal-lipożomi. Dawn jistgħu jgħinu biex jikkombinaw immaġini molekulari għal dijanjostiċi bit-terapija, pereżempju, fl-iżvilupp ta’ strateġiji terapewtiċi għall-kanċer.

Kemm għan-nanotubi tal-karbonju kif ukoll għall-quantum dots, it-tossiċità hija tħassib importanti, u r-riċerkaturi qed jinvestigaw kif jagħmlu dawn il-materjali inqas tossiċi qabel jużawhom għal applikazzjonijiet mediċinali.

Dendrimeri huma molekuli bi struttura qisha siġra regolari u b’ħafna fergħat. Dawn għandhom dijametru ta’ bejn 1 u 10 nanometri u għandhom kavità interna idrofobika li tista’ timtela b’molekuli idrofobiċi, pereżempju, mediċini kontra l-kanċer. Meta mqabbla ma’ ġarriera oħra tal-mediċina bħal-lipożomi, id-dendrimeri huma mekkanikament aktar stabbli iżda jistgħu jġorru ammonti iżgħar tal-mediċina.
 

It-teranostiċi u nanomediċina personalizzata

Mediċina personalizzata tirreferi għal approċċ terapewtiku mfassal għall-karatterstiċi individwali ta’ pazjent permezz tal-użu ta’ tekniki bħal tfassil ta’ profil molekulari. Fil-futur, in-nanoteknoloġija tista’ tippermettilna nirċievu kuri terapewtiċi individwalizzati. Nanomediċini li għadhom kif jiġu żviluppati jinkludu sistemi b’bosta komponenti msejħa teranostiċi li jistgħu, pereżempju, jinkorporaw kemm molekuli terapewtiċi kif ukoll dijanjostiċi. In-nanosistema li tirriżulta ser tippermetti d-dijanjożi, l-għoti tal-mediċina u l-monitoraġġ tal-effetti tal-mediċina. L-iżvilupp ta’ sistemi bħal dawn jista’ jgħin biex jintlaħaq l-għan li jinkisbu terapiji individwalizzati għal diversi mard.

Ir-raġuni għall-ammont ta’ riċerka li qed jiżdied li qed issir fid-direzzjoni ta’ nanomediċina personalizzata hija li mard bħal kanċer huwa eteroġenu ħafna u li l-kuri eżistenti huma effettivi biss għal ċerti pazjenti u f’ċertu stadju tal-marda. L-għoti ta’ aġent teranostiku lil pazjent jista’ potenzjalment jippermetti monitoraġġ ta’ kemm il-pazjent jirrispondi tajjeb għan-nanomediċina, peress li l-mokeluli tal-immaġini jippermettu l-viżwalizzazzjoni fil-ħin reali tal-effett tal-mediċina. Bħala riżultat ta’ dan, id-dożaġġ tal-mediċina u l-protokolli tal-kura jistgħu jiġu ottimizzati u individwalizzati waqt is-segwitu.