Dijanjostika tal-mard

Is-settur tal-kura tas-saħħa qed juża dejjem aktar in-nanoteknoloġija biex itejjeb il-preċiżjoni u l-veloċità tat-testijiet u jsib il-kawżi ta’ ċerti kwistjonijiet tas-saħħa. In-nanomaterjali jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu r-riskji ta’ dijanjożi ħażina.

 

Imaging mediku ta’ kwalità ogħla

Għodod tal-imaging bħat-tomografija kompjuterizzata tar-raġġi-X (CT) u l-imaging bir-riżonanza manjetika (MRI) saru indispensabbli meta t-tobba jeħtieġu viżjoni dettaljata ġewwa l-ġisem tal-pazjent. Sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ dawn l-immaġnijiet, jintużaw sustanzi speċjalizzati, imsejħa aġenti tal-kuntrast, kemm bis-CT kif ukoll bl-MRI. 

Madankollu, xi wħud minn dawn is-sustanzi tal-kuntrast jikkawżaw effetti sekondarji mhux mixtieqa bħal dardir jew raxx ħafif tal-ġilda. In-nanopartiċelli jistgħu jintużaw bħala alternattivi għall-aġenti tradizzjonali minħabba li wrew li jikkawżaw inqas effetti sekondarji.

In-nanopartiċelli tad-deheb, tal-bismut u tat-tungstenu jintużaw fis-CT scans peress li jgħinu biex titnaqqas l-intensità tar-raġġi-X. Dan joħloq kuntrast aħjar u jagħmel l-immaġni finali aktar ċara. Għall-MRIs, qed jiġu investigati nanopartiċelli differenti bbażati fuq il-gadolinju, il-manganiż, u l-ħadid. 

Is-superfiċe ta’ dawn in-nanopartiċelli jista’ jiġi mmodifikat bl-użu ta’ molekuli differenti biex jinbidel kif iġibu ruħhom fil-ġisem. Dan jippermetti lin-nanopartiċelli jimmiraw tessuti jew ċelloli speċifiċi, li jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati aħjar il-formazzjonijiet tal-kanċer fi stadju bikri jew biex jiġu identifikati plakek aterosklerotiċi b’riskju għoli li jikkawżaw problemi fil-qalb.

 

Detezzjoni bijomolekulari aktar rapida, orħos u aktar preċiża

Il-mediċina moderna tiddependi wkoll fuq l-analiżi ta’ fluwidi bijoloġiċi bħad-demm u l-urina biex jiġu identifikati bijomollekoli speċifiċi bħad-DNA, l-antikorpi, u l-proteini li jistgħu jindikaw marda. L-iskoperta u l-analiżi ta’ dawn il-bijomollekoli jistgħu jiżguraw li kull pazjent jirċievi l-aktar trattament effettiv. 

In-nanomaterjali jistgħu joffru metodu rapidu u aktar affidabbli biex jiġu identifikati bijomarkaturi differenti u biex jiġi mmonitorjat kemm pazjent jirrispondi tajjeb għal trattament. Dawn il-metodi jużaw varjetà ta’ materjali, inklużi deheb, silika, punti kwantistiċi u materjali bbażati fuq il-grafen. Il-proprjetajiet ottiċi, manjetiċi u katalitiċi tagħhom jistgħu jiġu mmanipulati biex jippermettu modalitajiet differenti ta’ detezzjoni.

Diversi bijomolekuli bħad-DNA jistgħu jitwaħħlu mas-superfiċe tan-nanomaterjali biex jiffurmaw nanostrutturi. Flimkien, huma jaġixxu bħala nano flares żgħar li jipprovdu sinjal kull meta jinstab markatur speċifiku tal-marda f’kampjun ta’ fluwidu bijoloġiku. 

 

Sensuri tas-saħħa li jintlibsu permessi min-nanoteknoloġija

Il-ġilda hija l-akbar organu tal-ġisem tagħna. L-għaraq u fluwidi oħra taħt il-ġilda għandhom ħafna markaturi bijoloġiċi li jistgħu jgħidulna dwar is-saħħa tagħna. Minħabba li l-ġilda, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tal-organi l-oħra tagħna, hija esposta, nistgħu nużawha biex nimmonitorjaw is-saħħa tagħna mingħajr ittestjar invażiv. 
Is-sensuri li jintlibsu huma suq li qed jespandi u n-nanomaterjali huma mistennija li jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp futur tagħhom. Sabiex is-sensuri li jintlibsu jaħdmu, jeħtieġ li jkunu flessibbli, ħfief u jidentifikaw b’mod preċiż sinjali bijoloġiċi differenti. Bis-saħħa tad-daqs żgħir tagħhom, in-nanomaterjali bħan-nanotubi tal-karbonju, il-grafen, u n-nanopartiċelli differenti tal-metall jagħmluha possibbli li jiżdiedu sensuri żgħar f’materjali bħat-tessuti jew l-apparati li jintlibsu.
Għalkemm ħafna minn dawn l-iżviluppi jeħtieġu aktar riċerka – inklużi valutazzjonijiet tas-sikurezza tagħhom – in-nanomaterjali se jkollhom rwol importanti fid-dijanjostika medika għas-snin li ġejjin.