Definizzjoni ta’ nanomaterjal

Fl-UE, in-nanomaterjali huma koperti mill-istess regolamenti li jiżguraw l-użu sikur tas-sustanzi kimiċi u t-taħlitiet kollha. Dan ifisser li l-proprjetajiet perikolużi tan-nanoforom tas-sustanzi jridu jiġu vvalutati biex jiġi żgurat li jintużaw b’mod sikur.

Definizzjoni standard u miftiehma b’mod komuni tgħin lir-regolaturi jidentifikaw u jieħdu deċiżjonijiet dwar dawn il-materjali.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjoni fuq id-definizzjoni ta’ nanomaterjal.

Ir-rakkomandazzjoni tiddefinixxi nanomaterjal bħala:

Materjal naturali, inċidentali jew manifatturat li fih partikoli, fi stat maħlul jew bħala aggregat jew agglomerat, u fejn, għal 50 % jew iktar tal-partikoli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar hija fil-firxa ta’ daqs 1 nm-100 nm.

F’każijiet speċifiċi u fejn iġġustifikati bi tħassib dwar l-ambjent, is-saħħa, is-sikurezza jew il-kompetittività, il-limitu ta’ 50 % tad-distribuzzjoni dimensjonali numerika jista’ jiġi mibdul b’limitu ta’ bejn il-1 % u l-50 %.

B’deroga, il-fulereni, il-frak grafen u n-nanotubi tal-karbonju b’wiċċ wieħed b’dimensjoni esterna waħda jew aktar taħt 1 nm għandhom jiġu kkunsidrati bħala nanomaterjali.

F’dan il-kuntest, “stat maħlul” jirreferi għal partikoli li jiġu prodotti. “Aggregat” jirreferi għal partikoli marbutin jew maqgħudin b’saħħa u “agglomerat” jirreferi għal ġabra ta’ partikoli miġmugħin b’mod dgħajjef jew aggregati fejn is-superfiċe esterna li tirriżulta hija simili għat-total tas-superfiċe tal-partijiet individwali. L-aggregat u l-agglomerati jseħħu bħala riżultat ta’ interazzjonijiet bejn il-partikoli jew mal-ambjenti tal-madwar tagħhom, pereżempju, ma’ materja organika.

 

Fokus differenti, definizzjonijiet differenti

Aġenziji u korpi differenti tal-UE użaw id-definizzjoni tal-Kummissjoni u adattawha biex jissodisfaw ħtiġijiet regolatorji speċifiċi.

Dawn huma xi eżempji:  

  • Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali japplika d-definizzjoni għal sustanzi attivi u mhux attivi u jestendiha għal materjali speċifiċi b’dimensjonijiet esterni taħt il-1 nm, filwaqt li jinżamm il-limitu tad-definizzjoni rrakkomandat ta’ ≥50 % għad-distribuzzjoni tad-daqs. Peress li r-regolament jiffoka fuq l-esponiment u r-riskju ta’ prodotti kkummerċjalizzati, id-definizzjoni tan-nanomaterjal tiegħu tiddikjara b’mod espliċitu li fejn jintużaw in-nanomaterjali fi prodott, ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent irid jiġi vvalutat separatament, billi jkopri kemm is-sustanzi attivi kif ukoll dawk mhux attivi.
  • REACH japplika d-definizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea iżda jintroduċi t-terminu nanoforom minflok nanomaterjal. Ir-regolament isegwi l-prinċipju ta’ “sustanza waħda, reġistrazzjoni waħda” fejn in-nanomaterjali kollha ta’ sustanza jridu jiġu rreġistrati flimkien. Peress li l-proprjetajiet, bħad-daqs u l-forma ta’ kull nanomaterjal, jinfluwenzaw il-potenzjal ta’ periklu tagħhom, hija meħtieġa valutazzjoni separata tal-forom kollha ta’ sustanza. It-terminu nanoforma ġie introdott biex jiġi ċċarat li l-varjazzjonijiet nanomaterjali kollha ta’ sustanza jenħtieġ li jiġu vvalutati b’mod indipendenti.
  • L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), tqis biss in-nanomaterjali manifatturati, irrispettivament mid-distribuzzjoni tagħhom, peress li dawn jiffokaw fuq ir-Regolament dwar l-Addittivi għall-użu fl-Ikel u fl-Għalf fejn in-nanomaterjali dejjem jiżdiedu intenzjonalment.