Espożizzjoni għal nanomaterjali mill-ġilda
In-nanomaterjali jintużaw b’mod wiesa’ f’ħafna proċessi industrijali u jiġu inkorporati f’għadd ta’ prodotti tal-konsumatur bħall-kożmetiċi, il-farmaċewtiċi, il-ħwejjeġ reżistenti għat-tbajja’ u antibatterjali, it-tagħmir tal-isports, u l-prodotti tat-tindif. L-użu tan-nanomaterjali f’dawn il-prodotti jista’ potenzjalment iwassal għal esponiment, penetrazzjoni u assorbiment fil-ġisem permezz tal-ġilda, b’mod partikolari għall-ħaddiema u l-konsumaturi.
Għalkemm il-ġilda hija relattivament impermeabbli għan-nanomaterjali, l-esponiment sistemiku għadu ta’ tħassib peress li l-ġilda hija wieħed mill-akbar organi tal-ġisem tal-bniedem u għad hemm dibattitu fil-komunità xjentifika dwar il-modi li bihom in-nanomaterjali jinteraġixxu mal-ġilda u l-potenzjal tagħhom li jikkawżaw effetti avversi fuq is-saħħa. Peress li l-assorbiment dermali tan-nanomaterjali huwa prerekwiżit għal kwalunkwe disponibbiltà sistemika wara esponiment dermali, huwa importanti ħafna li jiġu kkjarifikati l-mekkaniżmi li bihom jistgħu jiġu assorbiti mill-ġilda u x’inhuma l-fatturi li jinfluwenzaw l-assorbiment dermali tan-nanomaterjali.
L-integrità tal-ġilda għandha rwol sinifikanti fl-assorbiment tan-nanomaterjali
L-assorbiment u l-penetrazzjoni tal-ġilda huma interazzjoni kumplessa bejn il-proprjetajiet tal-partikoli fil-formulazzjoni u l-kundizzjoni tal-ġilda. L-integrità tal-ġilda kompromessa u l-formulazzjonijiet li jżidu l-permeabbiltà tal-ġilda jidhru li jżidu l-penetrazzjoni.
In-nanopartikoli għandhom it-tendenza li jaggregaw fl-għaraq, li jista’ jnaqqas il-kapaċità tagħhom li jippenetraw is-saff ta’ barra tal-ġilda, l-istratum corneum. Madankollu, il-penetrazzjoni xorta tista’ tkun ogħla għal partikoli li jintużaw f’formulazzjoni li tipprevjeni l-aggregazzjoni tagħhom.
Daqs iżgħar jista’ jfisser assorbiment ogħla
Bosta studji jissuġġerixxu li d-daqs tal-partikoli jista’ jkollu impatt fuq il-penetrazzjoni tal-ġilda, b’partikoli iżgħar li jkollhom rati ta’ penetrazzjoni akbar. Proprjetajiet tal-wiċċ bħal kisi u karga superfiċjali, b’karga pożittiva li twassal għal penetrazzjoni ogħla, jistgħu jinfluwenzaw ukoll il-penetrazzjoni dermali tal-partikoli.
Aktar studji komparabbli meħtieġa dwar l-assorbiment tal-ġilda
Biex jinxteħet dawl fuq ir-relazzjoni bejn il-proprjetajiet tan-nanomaterjali u l-potenzjal tagħhom għall-assorbiment tal-ġilda, huma meħtieġa aktar studji komparabbli. Ir-relazzjoni bejn in-nanomaterjali u d-dispersjoni jew il-formulazzjoni tagħhom matul l-esponiment hija kumplessa ħafna u tista’ tvarja għal nanomaterjal wieħed, skont il-formulazzjoni li tintuża.