Tossiċità

Xi sustanzi kimiċi jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tagħna. Normalment, aktar ma sustanza kimika tkun ilha fis-suq u aktar ma tkun intużat, aktar inkunu nafu dwar it-tossiċità tagħha. Iżda għan-nanomaterjali, dan mhux dejjem huwa l-każ peress li l-użu tagħhom żdied malajr fis-soċjetà. Huwa importanti li jitwettqu studji dwar in-nanomaterjali biex jinstab jekk humiex sikuri u, jekk le, biex jinstabu modi kif tiġi protetta s-saħħa tagħna. 

L-istudju tat-tossiċità ta’ sustanza kimika jsir bl-użu ta’ protokolli ta’ ttestjar ivvalidati. Għan-nanomaterjali, dawn l-istudji jiffokaw l-aktar fuq: 

  • Effetti akuti. Dawn iseħħu bħala irritazzjoni jew korrużjoni tal-ġilda, jew bħala irritazzjoni tal-għajnejn, l-imnieħer jew il-gerżuma. Dawn l-effetti spiss jiġu studjati bl-applikazzjoni ta’ materjal tat-test fuq it-tessuti umani mibnija mill-ġdid jew fuq l-annimali. Xi nanomaterjali jistgħu jikkawżaw ukoll effetti aktar dannużi jekk jinbelgħu, jittieħdu man-nifs, jew jekk il-ġilda tagħna tiġi esposta. L-effetti ta’ theddida għall-ħajja jiġu ttestjati l-aktar fuq l-annimali, iżda t-testijiet b’kulturi ċellulari jistgħu jindikaw ukoll tossiċità għolja.
  • Effetti allerġiċi. L-istudji dwar is-sensitizzazzjoni jivverifikaw jekk nanomaterjal jistax jikkawża reazzjonijiet allerġiċi, pereżempju, permezz ta’ kuntatt mal-ġilda. Xi wħud minn dawn l-effetti diġà jistgħu jiġu studjati bl-użu ta’ metodi li ma jinvolvux l-annimali. In-nanomaterjali jistgħu jikkawżaw ukoll sensitizzazzjoni respiratorja, bħall-ażma. Bħalissa, ma hemm l-ebda metodu regolatorju ta’ ttestjar tal-annimali aċċettat biex tiġi ttestjata s-sensitizzazzjoni respiratorja. Għalhekk, id-data mill-bnedmin li għandhom sintomi bħal dawn tintuża biex tikkonferma li sustanza kimika qed tikkawża dan l-effett.
  • Effetti fuq l-organi fil-mira. Dawn huma effetti li jistgħu jħallu impatt fuq kif jaħdem organu speċifiku, jew jikkawżaw bidliet fl-istruttura tat-tessut tal-organi, fl-agħar każ li jirriżultaw f’kanċer. L-effetti jistgħu jkunu wkoll lokali, bħall-effetti fuq il-pulmun wara li nanomaterjal jkun ittieħed man-nifs. Għall-aktar effetti ta’ ħsara li jistgħu jseħħu, normalment tkun meħtieġa espożizzjoni ripetuta għal ġimgħat jew xhur. It-tossiċità fl-organi fil-mira hija studjata l-aktar fuq il-firien.
  • Effetti mutaġeniċi. Il-mutazzjonijiet huma bidliet fil-materjal ġenetiku taċ-ċelloli jew tal-organiżmi. Studji li jinvestigaw jekk huwiex probabbli li nanomaterjal jikkawża mutazzjonijiet spiss jitwettqu bl-użu ta’ ċelloli kkulturati. Nanomaterjal b’effetti mutaġeniċi huwa, f’ħafna każijiet, probabbli wkoll li jikkawża l-kanċer.
  • Effetti riproduttivi. L-effetti riproduttivi jinkludu bidliet fil-fertilità jew tfixkil fl-iżvilupp tal-feti. Għan-nisa, dan jista’ jfisser diffikultajiet biex jinqabdu tqal, u għall-irġiel, bidliet fiċ-ċelloli tal-isperma. Għadhom isiru studji dwar it-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp fuq l-annimali, xi drabi fuq aktar minn ġenerazzjoni waħda.

Fl-UE, il-proprjetajiet perikolużi tan-nanomaterjali jridu jiġu vvalutati, u l-użu sikur tagħhom jeħtieġ li jiġi żgurat.

Għal dawk perikolużi, jistgħu jittieħdu diversi miżuri regolatorji biex tiġi protetta s-saħħa tagħna. Pereżempju, jista’ jkollhom bżonn klassifikazzjoni armonizzata tal-perikli madwar l-UE kollha. Dan jeħtieġ ukoll li l-informazzjoni dwar il-periklu tiġi inkluża fuq it-tikketti tal-prodotti li jkun fihom.