Żgura użu sigur tan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol

L-esponiment għan-nanomaterjali jiddependi mill-miżuri ta’ kontroll tekniċi li jitħaddmu  u, jekk dawn ma jkunux biżżejjed, l-użu ta’ tagħmir protettiv personali. L-impjegaturi għandhom jimminimizzaw l-esponiment għal sustanzi perikolużi għal livell li jiġi vvalutat li ma jikkawżax periklu għall-ħaddiema.

Peress li l-ġbid man-nifs jidher li huwa r-rotta l-aktar rilevanti ta’ esponiment okkupazzjonali għan-nanomaterjali,  il-ġenerazzjoni ta’ kwalunkwe nanomaterjal tal-ajru fil-post tax-xogħol għandha tiġi mminimizzata. Dan jista’ jinkiseb billi jintużaw ambjenti tax-xogħol b’sistemi magħluqin u proċessi ta’ tixrib. Kemm jista’ jkun, stadji ta’ proċess li jiġġenera t-trab bħal tħin u brix jenħtieġ li jiġu evitati.

Jekk in-nanopartikoli jkunu fl-arja fil-post tax-xogħol, jeħtieġ li tintuża ventilazzjoni adegwata. Bħala l-aħħar rimedju, il-ħaddiema jistgħu jitħarrġu biex jużaw tagħmir protettiv respiratorju, ilbies, ingwanti u nuċċalijiet protettivi.

Għandu jiġi nnutat li tipikament f’operazzjonijiet ta’ manutenzjoni, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji normali għall-proċess, bħal sistemi magħluqin, ma jkunux jistgħu jintużaw b’mod temporanju. Għalhekk, jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji addizzjonali għal dawn it-tipi ta’ proċessi.

Professjonisti li jaħdmu għal rashom jistgħu ma jkollhomx il-possibbiltà għal kontrolli rigorużi bħal dawn f’xogħolhom meta mqabbel ma’ dawk li joperaw f’ambjenti industrijali.

 

Skedi ta’ data ta' sigurtà (SDSs)

Skont ir-Regolament REACH, għandha tiġi fornuta skeda ta’ data ta’ sigurtà (SDS) ma’ kwalunkwe sustanza kimika perikoluża. L-iskedi ta’ data ta’ sigurtà jipprovdu informazzjoni utli dwar sustanzi kimiċi, jiddeskrivu l-perikli li tippreżenta s-sustanza kimika, u jagħtu informazzjoni dwar miżuri ta’ maniġġjar, ħżin u emerġenza f’każ ta’ aċċident. REACH jeħtieġ li l-utenti ta’ sustanzi kimiċi perikolużi jsegwu l-parir dwar miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji mogħtija fix-xenarji ta’ esponiment mehmuża mal-SDS, fejn ikunu pprovduti.

 

Xi nanomaterjali għandhom valuri ta’ limitu tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol nazzjonali

Il-valuri limiti tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol (OEL, occupational exposure limit) għal sustanzi perikolużi huma informazzjoni importanti għal valutazzjoni u ġestjoni tar-riskji, anki f’kuntest ta’ nanomaterjali.

Limitu tal-esponiment huwa l-konċentrazzjoni – jew f’partijiet għal kull miljun (ppm, parts per million) jew f’milligrammi għal kull metru kubu (mg/m3) – ta’ sustanza kimika fl-ajra ta’ post tax-xogħol li ħafna min-nies jiġu esposti għaliha mingħajr ma jesperjenzaw effetti ta’ ħsara. Madankollu, l-OELs m’għandhomx jittieħdu bħala linji ta’ diviżjoni stretti bejn esponimenti siguri u mhux siguri.

Bħalissa, m’hemmx OELs fil-livell tal-UE għan-nanomaterjali, l-aktar minħabba l-fatt li għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni sabiex dawn jiġu ddeterminati. B’mod ġenerali, OELs ta’ fl-UE kollha ġew stabbiliti biss għal numru limitat ta’ sustanzi li bħalissa qed jintużaw fuq il-post tax-xogħol. Dawk il-valuri ta’ limitu vinkolanti u/jew indikattivi huma stipulati fid-direttivi tal-UE.

Bosta Stati Membri stabbilixxew l-OELs nazzjonali tagħhom stess, anki għan-nanomaterjali. Dawn il-limiti nazzjonali għandhom jiġu rrispettati b’mod ugwali u kwalunkwe impjegatur għandu jiżgura li l-esponiment tal-impjegati tiegħu ma jaqbiżx l-OELs.