-
Regolament
- Attivitajiet internazzjonali
- Skemi ta' rapportar nazzjonali
- L-attivitajiet tal-ECHA dwar in-nanomaterjali skont REACH u CLP
- Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPR) u n-nanomaterjali
- Ħarsa ġenerali lejn ir-rekwiżiti ta' informazzjoni ta' REACH u l-metodi disponibbli
- Il-kożmetiċi
- L-ikel
- L-apparat mediku
- Il-protezzjoni tal-ħaddiem
L-effetti ta’ nanoformi tal-fidda fuq l-ambjent
Ir-regolament tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi REACH intuża biex jiġġenera aktar informazzjoni dwar il-karatteristiċi tan-nanomaterjli. Nanomaterjali tal-fidda jintużaw f’varjetà ta’ prodotti tal-konsumatur, bħal ilbies, ilbies mediku u kożmetiċi, minħabba proprjetajiet kontra l-mikrobiċi li jżommu l-materjali nodfa u b’hekk jistgħu jgħinu biex idumu aktar.
Informazzjoni nieqsa dwar l-effetti ambjentali ta’ nanoformi tal-fidda
Sabiex teżamina l-effetti potenzjali ta’ nanomaterjali tal-fidda fuq l-ambjent, in-Netherlands iddeċidiet li tinkludi l-fidda fil-proċess ta’ valutazzjoni tas-sustanza ta’ REACH fl-2014. Il-valutazzjoni tas-sustanza tintuża biex tiċċara jekk sustanza toħloqx riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.
Il-kumpaniji li jirreġistraw il-fidda skont REACH iddikjaraw li l-forma jonika tal-fidda tista’ titqies bħala l-agħar xenarju possibbli meta jiġu vvalutati ir-riskji għall-ambjenti. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet, kellhom evidenza li f'xi każijiet, nanoformi tal-fidda kienu aktar ta’ ħsara għall-ambjent mill-forom joniċi. Is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha min-nuqqas ta’ biżżejjed informazzjoni mill-kumpaniji dwar l-identità tan-nanoformi tal-fidda li jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
Liema informazzjoni addizzjonali kienet mitluba?
Valutazzjoni estensiva tal-informazzjoni disponibbli dwar il-fidda wasslet għal deċiżjoni ta’ valutazzjoni tas-sustanza f’Lulju 2016. Il-kumpaniji li jirreġistraw nanoformi tal-fidda kienu mitluba biex jipprovdu:
- kjarifika ta’ liema nanoformi tal-fidda speċifiċi kienu koperti mir-reġistrazzjoni tagħhom; u
- aktar informazzjoni dwar il-proprjetajiet fiżikokimiċi tan-nanoformi tal-fidda.
Il-kumpaniji kienu wkoll mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-proprjetajiet ambjentali li ġejjin tan-nanoformi tal-fidda:
- tossiċità għall-alka;
- tossiċità fit-tul għal invertebrati akkwatiċi; u
- tossiċità għall-mikroorganiżmi tal-ħamrija.
Għat-testijiet mitluba kollha, ir-reġistranti ngħataw istruzzjonijiet iddettaljati dwar kif għandu jsir l-istudju biex issir differenza bejn l-effetti tan-nanoformi tal-fidda u l-fidda jonika kif ukoll sabiex jiġi żgurat li t-test ikun sar b’mod li huwa xieraq għall-valutazzjoni tan-nanomaterjali.
Minbarra informazzjoni dwar il-periklu ekotossikoloġiku, ir-reġistranti ntalbu jagħtu informazzjoni dwar l-użu għal kull nanoforma individwali, sabiex setgħet issir valutazzjoni kif suppost tar-riskji.
X’inhu r-riżultat?
Ir-reġistranti kellhom jipprovdu informazzjoni dwar il-karatterizzazzjoni tan-nanoformi tal-fidda tagħhom, ir-riżultati tal-istudji ekotossikoloġiċi tagħhom, u l-użu tan-nanoformi sa Lulju 2017. In-Netherlands għandha 12-il xahar minn meta tiġi riċevuta l-informazzjoni addizzjonali biex tivvalutaha u taqbel fuq it-triq ’il quddiem.